Santu Kristu

If you would like to read this article in English click here.

Għamilt wegħda fuq Santu Kristu, u għal min jaf, il-wegħdiet fuq Santu Kristu ma tinħallx minnhom malajr. Il-wegħda kienet sempliċi – kif intemm l-istudji tiegħi immur nagħmel il Camino ta’ Santiago ta’ Compostela. Ix-xewqa biex nagħmel il-Camino kienet ilha hemm. Xi għaxar snin ilu kont sejjer imma l-pjan sfaxxa. Kien għadu mhux il-waqt. Iżda issa kien wasal iż-żmien, u madwar sitt snin ilu għamilt il-wegħda.

Ejja nkunu ċari. M’għamiltx il-wegħda b’xi forma ta’ skambju. Taf int, “int tgħinni u jien nagħmillek daqxejn ta’ mixja”. Xejn minn dan, għax kif jgħid il-Malti ‘għin ruħek biex Alla jgħinek.’ Illum tant drajna kollox hu faċli (agħfas buttuna, żur sit, ċempel numru…) li anke lil Alla rriduċejnih għal magna tal-grazzji. U warrab wiċċek jekk ma tiġinix żewġ, għax nibdew nisħtuh għax lilna m’għeniex u lil ħaddieħor għenu…bħal li kieku Alla xi magna tal-luminata, u jekk intuh ftit bis-sieq ħa jaħdem aħjar.

Le, wegħda mihiex kuntratt m’Alla. Wegħda hija qrara twila – ‘għinni għax waħdi ma nasalx’. U issa li temmejt l-istudji, hemm fuq spallti mistoqsija tqila ċomb: ‘fejn sejjer?’ Kif ħa nsarraf dak li tgħallimt u ħdimt għalih f’ġid għal ta’ madwari? Jew bi ħsiebni nħaffer ħofra intelletwali u hemm nindifen taħt dak kollu li tgħallimt? U għalhekk il-wegħda kienet il-Camino. Jien wasalt s’hawn għax ħaddieħor għeni – issa jmiss li jien ngħin lil ħaddieħor.

Iżda qabel xejn, hemm prologu żgħir li xieraq isir. 

Qabel nibda nimxi hemm żjara ġewwa Napli – u b’mod preċiż biex inżur il-qabar ta’ San Gejtanu. Għal darb’oħra, ħolma antika, iżda bħal dejjem, kien għadu mhux il-waqt. Nixtieq nara mhux biss fejn hu midfun (dik l-inqas ħaġa – iktar bħala rispett), iżda dik il-belt fejn hu ħadem u miet. 

Parenteżi: San Gejtanu twieled minn familja nobbli f’Vicenza, u studja għal avukat. Kellu d-dinja taħt subgħajh – imbagħad ġie l-mument ta’ kriżi, ċaħad kollox u għażel il-faqar u li jaħdem mal-batut u mal-marid.

Il-mixi dak li jagħmillek. Iġegħlek tħares, u taħseb. Iktar ma nimxi iktar ninduna b’affarjiet. Kien hemm min qalli ‘għax int negattiv’ – dan kollu għax nikteb kontra dak li hu ikrah, kemm minn barra u kemm minn ġewwa. Jista’ jkun. Iżda nistedinkom tibdew timxu, u forsi taraw dak li nara jien.

Hemm barra, lil hinn mill-ħitan taċ-ċokon ta’ djarna, mill-għeluq tal-kaxxi tal-ħadid bir-roti li jwassluna minn gabuba għall-oħra, fid-dinja reali li ma tużax algoritmi u ma tħallikx tagħżel, hemmhekk hemm għalxiex ninkwetaw.

Għaliex jekk qed inqaċċtu s-siġar biex inwessgħu t-toroq, dan qed isir għax ma fadal ħadd biex jimxi fid-dell tal-friegħi. Jekk qegħdin nibnu kull roqgħa art, dan għaliex insejna kif naħdmu r-raba. Jekk barra l-arja hi tqila bit-trab u d-dħaħen, dan għaliex issakkarna f’darna għall-kenn ta’ prodotti kimiċi varji, u purifikaturi tal-arja.

U għalhekk għamilt wegħda fuq Santu Kristu – biex insib is-saħħa noħroġ mill-kumdità ta’ dari, u nara d-dinja għal li hi. U għal min jaf, wegħda fuq Santu Kristu, ma tinħallx minnha malajr.

Taħsbuni miġnun…

If you would like to read this article in English click here

Taħsbuni miġnun. Intom u għaddejjin ġewwa l-kaxxi tal-azzar li ssejħu ‘karozzi’ – taħsbuni miġnun miexi waħdi. Kultant nammetti – inħossni konxju, speċjalment meta nkun għaddej f’xi triq prinċipali fejn bankini ma jeżistux. Sakemm narakom hemm maqfulin ġol-gaġeġ lussużi tagħkom, indannati u mgħaġġlin…u jgħaddili.

Tiħdux għalikom iżda nixtieq kultant niġbdilkom vidjow u taraw daqxejn kif tkunu. Uċuh griżi, għajnejn imberrqin, u b’dik il-ħarsa mgħaġġla hekk kif tiġru minn ċella għall-oħra. Iva – djarna tal-konkos, ir-ristoranti lussużi, il-ħwienet imburġati affarjiet…mhumiex ħlief ċelel.

Għalhekk nimxi, għax irrid naħrab mill-ħabs illi bnejna għalina nfusna. 

Għadni ma ħrabtx għal kollox tafux…xorta bil-mowbajl f’idi indur u niġbed ir-ritratti u ntellagħhom online. Forsi vizzju…u forsi x-xewqa li naqsam dak li qed nara magħkom, forsi ma tafx kif, taħarbu miċ-ċella tagħkom intom ukoll. Forsi ma nibqax nimxi waħdi…

Tridu tifhmu għalfejn tlifna l-ibliet u rħulha tagħna? Tafu għalxiex id-djar tagħna waqgħu f’idejn l-iżviluppatur? Għalfejn il-pjazez u l-bankini marru għand ir-ristoranti u l-kafeteriji? Għalfejn it-toroq tagħna huma biss parkeġġ bla tmiem?

Għaliex abbandunajna l-mixi, u pajjiżna m’għadux tagħna. Tgħaddi minn ġot-toroq il-Ħadd filgħodu (jew wara nofsinhar jew filgħaxija) u baħħ totali. U dan fil-jiem sbieħ tar-Rebbiegħa! Anke x-xatt ta’ tas-Sliema – tarahom mill-karozza għar-ristorant u lura. Żewġ passi, u daqshekk jgħejjew.

Nagħmilkom tgħiduli, ‘X’int tgħid? Ix-Xatt mimli jkun! U mort sal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli u tgħidx kemm rajt nies jimxu!’ 

Iva vera, iżda ara kemm minnhom huma Maltin. Tagħrafhom lill-Maltin. Il-karozza dejjem viċin…u ġeneralment iġorru l-kċina, s-salott, u l-kamra tas-sodda magħhom. Għax hekk tgħallimna. Issa li aħna Indipendenti – eee issa għandna l-affarjiet tagħna! U biex nuri kemm huma ‘tiegħi’ l-affarjiet, inġorr kollox miegħi. Ma jmurx tal-karozza ta’ ħdejja jarawni bla mejda, u siġġijiet, u dixxijiet, u tazzi tal-plastik, u platti tal-plastik, u boroż tal-plastik…

Plastik…nofsu jispiċċa barra…

U jien għaddej waħdi miexi. Jekk niekol, waqt li miexi. Jekk nixrob, waqt li miexi. U jekk nitbissem…għax miexi.

Taħsbuni miġnun…

L-Ewwel Pass

If you would like to read this in English click here

Hemm ħafna raġunijiet għalfejn wieħed jagħmel pellegrinaġġ. Hemm min jagħmilha għal raġunijiet reliġjużi, oħrajna għal raġunijiet spiritwali, u ħafna oħrajn għall-gost tal-mixi. Forsi wieħed jaħseb li pellegrinaġġ hi xi ħaġa antikwata, speċjalment fid-dinja ‘progressiva’ tal-lum. Iżda l-istatistika turi mod ieħor.

Per eżempju, f’dawn l-aħħar 20 sena in-numru ta’ pellegrini li għamlu l-Camino kiber minn 20,000 għal 300,000 pellegrin fis-sena. U mhux biss il-Camino – hemm diversi rotot li wieħed jista’ jieħu. Uħud jieħdu ġimgħat, u oħrajn jieħdu biss ftit siegħat. Għax għall-pellegrin mhux il-ħin jew it-tul li jimporta, iżda l-iskop.

Ma niddejjaqx ngħid li għalija r-raġuni hi waħda spiritwali. Miniex nistenna xi epifanija spiritwali – nemmen li l-Fidi fiha iżjed xogħol iebes minn sempliċi mixja. Iżda hi l-hena li terġa tiskorpi d-dinja permezz ta’ saqajk, u tkun grat għaliha. Ridt ukoll nerġa niskopri dak il-mod ta’ trasport mill-iktar bażiku – dak li ġiegħel lill-bniedem joħroġ mill-Afrika eluf ta’ snin ilu u wassalna (bit-tajjeb u l-ħażin kollu) fejn ninsabu llum.

There are many reasons for a pilgrimage. Some do it for religious reasons, others for spiritual reasons, and many for the sheer joy of walking. Pilgrimage might seem an anachronistic activity, particularly in today’s ‘progressive’ Western world. And yet, statistics show otherwise. 

Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ

U l-bżonn li nimxu qatt ma kien daqshekk urġenti daqs kemm hu llum. Hekk kif il-pjaneta tagħna riesqa dejjem iktar qrib diżastru klimatiku, u hekk kif iktar u iktar nies qegħdin jinqabdu f’dinja diġitali surreali u iżolata, il-mixi jsir att sempliċi ta’ ribeljoni u salvazzjoni.

Huwa att ribeljuż għaliex il-mixi jisfida kull sistema ta’ traffiku, u ma jiddependix fuq mapep jew teknoloġiji. Huwa wkoll sors ta’ salvazzjoni għaliex iħalli impatt ambjentali negliġibbli, u benefiċċji għas-saħħa, fiżika u mentali, enormi. Sew jekk ħa timxi waħdek jew man-nies, fl-aħħar mill-aħħar huwa int qed iġorr lilek innifsek fid-dinja.

Iżda pellegrinaġġ mhuwiex mixja kwalunkwe. Pellegrinaġġ hu mixja bi skop u destinazzjoni. Hemm min jaħseb li pellegrinaġġ huwa xi penitenza jew talba mqanqla, iżda xejn minn dan. Huwa att ta’ xi ħaġa li kważi tlifna: gratitudni. Fl-aħħar ta’ pellegrinaġġ wieħed iħoss hena u gratitudni.

Iżda hemm ukoll il-ħażin tagħha l-ħaġa.

Il-pellegrinaġġi jġegħluk taffaċja lid-dinja. Iġegħluk tħares ‘il barra u ‘l ġewwa. Tiltaqa’ ma’ barranin, u żżur irkejjen moħbija tad-dinja. Imbagħad hemm mumenti ta’ solitudni fejn trid taffaċċa x-xjaten ta’ ġo fik – u dawn ma tantx huma kumpanija tajba għall-mixi. Il-mixi iċekknek.

Karozzi pparkjati fuq iz-zuntier.
Knisja ta’ Sant’Antnin, Għajn Dwieli, Paola

Jien ukoll ġej minn pajjiż li mhux eżattament magħruf għal ħiliet sportivi tiegħu – Malta hi waħda mill-iktar pajjiżi għażżenin u ħoxnin tad-dinja. Hija ħaġa ironika meta tqis iċ-ċokon tagħna.Wieħed jista’ faċilment jaqsam il-pajjiż f’ġurnata bil-mixi.

Nittama li permezz ta’ dan il-blog sempliċi intom tiskopru wkoll il-ġmiel tal-mixi – jkunu xi jkunu r-raġunijiet għalfejn timxu. Ser nikteb dwar rotot, postijiet, u ideat. Ħa nipprova wkoll nikteb kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż ħalli jkun aċċessibli għal kulħadd.